Għotja ta’ darba għal persuni li kienu liċenzjati bħala ħaddiema tax-xatt bejn l-4 ta’ April 1973 u l-1 ta’ Ġunju 2007 u li ma kinux hekk liċenzjati wara dan il-perjodu

Reference Number: 63, Press Release Issue Date: May 02, 2017
 
​​Kif tħabbar fil-ġranet li għaddew, il-Gvern, fost skemi oħrajn li ħabbar biex jindirizza inġustizzji marbuta max-xogħol, se jkun qed joffri għotja ta’ darba għal persuni li kienu liċenzjati bħala ħaddiema tax-xatt bejn l-4 ta’ April 1973 u l-1 ta’ Ġunju 2007 u li ma kinux hekk liċenzjati wara dan il-perjodu.

Dwar din l-iskema, il-Ministeru  għat-Trasport u l-Infrastruttura jixtieq javża lil dawk kollha interessati li l-applikazzjonijiet se jkunu miftuħin min-nhar l-Erbgħa 3 ta’ Mejju, 2017 sa nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Ġunju, 2017.

 
L-applikazzjonijiet se jintlaqgħu fil-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Blokka A, Triq Francesco Buonamici, Floriana FRN 1700 bejn it-8.00 a.m. u s-1.00 p.m. fid-dati msemmija hawn fuq. Il-Ministeru jixtieq javża li se jkun hemm uffiċjali nkarigati biex jilqgħu u jassistu fil-mili tal-applikazzjonijiet.
 
Kopja tal-formola tal-applikazzjoni tista’ tinkiseb ukoll onlajn minn fuq il-websajt  www.infrastructure.gov.mt, jew niżżel l-applikazzjoni minn hawn.
 
F’każ li applikanti prospettivi jinsabu emigrati, dawn jistgħu jibagħtu l-formola tal-applikazzjoni fuq l-indirizz elettroniku exportworkers.mti@gov.mt. Importanti li l-formola tal-applikazzjoni oriġinali tintbagħat xorta waħda bil-posta tradizzjonali fuq l-indirizz li ġej sa mhux aktar tard mid-9 ta’ Ġunju, 2017:

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura

Accounts Section
Block A
Triq Francesco Buonamici
Floriana FRN 1700
Malta

Ta’ min ifakkar li din l-iskema hija miftuħa wkoll għal eredi ta’ dawk il-ħaddiema tax-xatt li llum huma mejta. Fil-każ li jkun hemm aktar minn eredi wieħed, trid issir applikazzjoni waħda konġunta mill-eredi kollha. Flimkien mal-applikazzjoni, għandha wkoll tiġi ppreżentata dikjarazzjoni magħmula  mingħand nutar li fiha jiġi ddikjarat min huwa/huma l-eredi. 

 
Għal aktar informazzjoni dwar din l-iskema, wieħed għandu jirreferi għall-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta, pubblikazzjoni nru 19,769 tat-2 ta’ Mejju 2017.