Proġetti li qed jagħtu ħajja ġdida lill-Belt Valletta

Reference Number: PR171332, Press Release Issue Date: May 25, 2017
 
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infratruttura Joe Mizzi qal li l-proġetti li saru fil-Belt Valletta matul dawn l-aħħar erba’ snin huma proġetti li qed jagħtu ħajja ġdida lill-belt kapitali ta’ pajjiżna, b’investiment mill-Gvern ċentrali. Huma proġetti li se jkomplu jsaħħu l-infrastruttura eżistenti bi tħejjija għas-sena d-dieħla, meta l-belt kapitali jkollha t-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li matul elenka x-xogħlijiet li saru fil-Belt Valletta, il-Ministru Joe Mizzi qal li jekk iħares lura lejn dawn l-erba’ snin, jinsab sodisfatt li saru dawn il-proġetti kollha, li wħud minnhom ġabu magħhom sfidi kbar, bħall-bini tal-Parlament il-ġdid.

Huwa qal li minbarra li tlestew il-proġetti mibdijin, dan il-Gvern għamel proġetti oħrajn bħar-riġenerazzjoni ta’ Strada Stretta, Pjazza Kastilja, Pjazza Mattia Preti, xogħlijiet ta’ tisbiħ fil-Palazz tal-President, restawr ta’ diversi monumenti u binjiet storiċi u pavimentar ta’ għadd ta’ toroq fosthom Triq it-Teżorerija u Triq Mikiel Anton Vassalli.



Huwa ħabbar li x-xogħol ta’ restawr tal-faċċata u l-arkati ta’ City Gate Shopping Centre, faċċata tal-Parlament jinsab kważi lest u wara dan, jibdew jitqiegħdu l-galleriji u l-aperturi tal-injam fi Triq Ordinanza, Triq il-Kavallier u Triq Papa Piju V mad-djar li jinsabu fuq iS-City Gate Shopping Centre.

Dwar ix-xogħol fuq il-funtana tat-Tritoni, il-Ministru qal li fit-tliet xhur li l-figuri ilhom Firenze, tneħħa l-konkos li kellhom minn qaddhom l’isfel u beda x-xogħol ta’ restawr fuq il-figuri nfushom. Huwa spjega li dan huwa proċess delikat ħafna u qed ikun żgurat li tintuża l-aqwa teknika. Qal ukoll li fil-ġranet li għaddew, uffiċjali mit-team li qed jissorvelja dan il-proġett, immexxi mis-Segretarju Permanenti Christopher Cutajar, żar dawn ix-xogħlijiet u dawn setgħu jikkonfermaw li x-xogħol huwa wieħed estensiv peress li l-istat li kienu fihom il-figuri tal-bronż ma kienx wieħed tajjeb.

“Jirriżulta madankollu, li x-xogħol miexi kif skedat. Il-bini tal-plant room u l-mina li twassal għall-funtana minn taħt l-art issa huwa lest u għalhekk, qed naħsbu li x-xogħol ikun lest lejn Awwissu u fl-istess xahar jew f’dak il-perjodu, il-figuri tal-bronż jaslu lura Malta u jitqiegħdu lura f’posthom u jkompli x-xogħol hemmhekk,” żied jgħid il-Ministru.

Dwar Pjazza Tritoni, il-Ministru qal li bdiet ir-raba’ fażi tal-proġett li tinkludi x-xogħol kollu ta’ madwar il-pjazza fejn se jitqiegħdu servizzi ġodda u tiġi ppreparata l-art li fuqha se jitqiegħed il-madum. Bdew jinbnew ir-reservoirs li ser jintużaw għat-tisqija ta’ siġar li se jinżergħu fil-pjazza u beda jingħata l-konkos f’partijiet tal-pjazza. 

Huwa ħabbar li fl-aħħar ġimgħat tħawlu wkoll numru ta’ siġar tal-palm u ballut li kienu nieqsa fi Vjal Re Edwardu u fix-xhur li ġejjin se jitħawlu madwar 50 siġra oħra tal-ballut fi Pjazza Tritoni. 

Fil-kuntest ta’ proġetti għar-riġenerazzjoni tal-portijiet, il-Ministru fakkar li flimkien ma’ imsieħba fis-settur, ġiet identifikata d-daħla ta’ Sa Maison bħala waħda mis-siti li jistgħu jintużaw mill-industrija tal-yachts u s-superyachts. Din il-proposta ġiet imwettqa s-sena li għaddiet meta ġie ffirmat il-kuntratt għall-konċessjoni ta’ marina. 

Huwa fakkar ukoll li ssaħħaħ is-servizz ta’ trasport fuq il-baħar bi skeda bejn żoni differenti fil-Port il-Kbir, bejn il-Belt Valletta u Tas-Sliema u bejn il-Belt Valletta u l-Kottonera, ġie rinovat il-moll għall-irmiġġ ta’ Lascaris u ġew imnedija pjanijiet biex jiġu rinovati mollijiet għall-irmiġġ f’Marsamxett, il-Birgu u Tas-Sliema.