Kullana ta’ proġetti li qed jagħtu nifs ġdid lill-Kottonera

Reference Number: PR171276, Press Release Issue Date: May 18, 2017
 
Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi qal li l-Gvern qed iżomm mal-wegħda li jimplimenta proġetti ta’ riġenerazzjoni biex jagħtu nifs ġdid lill-Kottonera.
 
Hu qal li sa erba’ snin ilu kien hemm min kien jistkerrah lill-Kottonera, anke minħabba li s-sit fejn illum hemm Baċir Numru Wieħed, kien sit ta’ telqa u ta’ abbandun peress li l-proġett imwiegħed minn gvern preċedenti baqa’ nofs leħja.
 
Il-Ministru Joe Mizzi qal li grazzi għall-gvern preżenti, dan il-post illum hu meqjus bħala wieħed mill-isbaħ spazji pubbliċi u wieħed mill-isbaħ żoni rikreattivi fin-Nofsinhar ta’ pajjiżna, għax kien proprju dan il-gvern li wiegħed li se jmidd idejh u jlesti dan il-proġett fl-inqas żmien possibbli.


 
Illum, Baċir Numru Wieħed inbidel f’ċentru li jgħaqqad lit-Tlett Ibliet f’mixja waħda li tibda mix-Xatt tal-Isla u tispiċċa fix-Xatt tal-Birgu. Il-Ministru qal ukoll li l-investiment li qed isir mis-settur privat kif ukoll l-impenn tal-Gvern Ċentrali biex tinħoloq università fil-qalba tal-Kottonera kienu bla dubju deċiżjonijiet għaqlin li mhux biss jinkludu r-riġenerazzjoni ta’ din il-binja li għal ħafna snin serviet bħala post tax-xogħol għall-ħaddiema Maltin, iżda wkoll isservi bħala attrazzjoni ta’ attività ġdida u ħajja fil-qalba tal-Kottonera.
 
Sa minn meta ħa t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh, il-Gvern wiegħed li se jimpenja ruħu biex jidentifika postijiet b’potenzjal li jistgħu jiġu riabilitati u żviluppati għall-użu pubbliku. Il-Gvern impenja ruħu wkoll biex ikompli proġetti ta’ riabilitazzjoni u ta’ restawr ta’ monumenti nazzjonali u arkitettoniċi li pajjiżna hu mogħni bihom. Il-Ministru qal li din is-sena hemm diversi proġetti li se jingħalqu u proġetti ġodda ppjanati.
 
Waqt li ta ħarsa lejn il-proġetti li saru, il-Ministru qal li x-xogħol ma waqafx mat-tlestija tal-proġett tal-Baċir. F’Bormla saru għadd ta’ proġetti oħrajn fosthom: manutenzjoni fuq il-faċċata tal-Każin tal-Banda San Ġorġ, xogħol ta’ upgrading fil-club tar-Regatta, xogħol ta’ upgrading f’Cospicua Rangers, u restawr fuq il-faċċati esterni tal-Knisja ta’ Santa Tereża, fost l-oħrajn.
 
Tkellem ukoll dwar il-proġetti li saru fil-Birgu fosthom xogħlijiet ta’ upgrading fiċ-Ċentru AĊĊESS u ż-żona tal-madwar, xogħlijiet ta’ upgrading f’Xatt ir-Riżq, xogħol fuq it-taraġ ta’ barra tal-Knisja ta’ San Lawrenz, restawr fuq il-kjostru, xogħol fuq il-Każin tal-Banda ta’ San Lawrenz, manutenzjoni fuq il-Monument tal-Ħelsien, u bħalissa għaddej ukoll xogħol estensiv fil-club tal-boċċi.
 
Il-Ministru semma wkoll il-belt tal-Isla u tkellem dwar ix-xogħol li sar fuq iz-zuntier tal-Bażilika ta’ Marija Bambina, it-tisbiħ matul il-promenade, u r-restawr fuq il-faċċati tal-Knisja ta’ San Ġiljan li għaddej bħalissa. Saru wkoll xogħlijiet fuq il-bejt tal-Knisja Parrokkjali Marija Bambina, u beda xogħol ta’ restawr tas-saqaf tal-Grand Chapter Hall, kif ukoll restawr fuq il-koppla tal-knisja.
 
Il-Ministru esprima s-sodisfazzjon tiegħu għax-xogħol li sar mill-ħaddiema tal-gvern u qal li jinsab ottimist li b’rieda tajba minn kulħadd se jinħolqu aktar proġetti bħal dawn fil-futur.
 
Lista’ ta’ xogħlijiet li saru, oħrajn li qed isiru bħalissa, u xogħlijiet ippjanati:
 
Bormla
 
·         Sar proġett ta’ tisbiħ u ta’ riabilitazzjoni ta’ Baċir Numru Wieħed
·         Sar xogħol ta’ tisbiħ u ta’ riabilitazzjoni ta’ Xatt ir-Riżq
·         Sar xogħol ta’ riabilitazzjoni u ta’ tisbiħ taż-żoni tal-komun tal-married quarters ta’ San Nikola (Housing)
·         Sar xogħol ta’ upgrading ta’ Cospicua Rangers
·      Sar xogħol ta’ riabilitazzjoni u ta’ tisbiħ tal-housing blocks tal-Verdala u ta’ żona mitluqa fi ġnien u fi playing area ħdejn il-housing estate ta’ San Ġwann ta’ Għuxa
·         Sar xogħol ta’ upgrading tax-xatt tal-Isla minn Boiler Wharf sal-Maċina
·         Sar xogħol ta’ restawr fuq iż-żewġ faċċati tal-Knisja ta’ Santa Tereża
·         Sar ir-restawr tal-erba’ faċċati tal-Każin Banda San Ġorġ
·         Sar xogħol ta’ restawr fuq il-kaxxarizzi tal-injam fis-sagristija tal-Knisja Parrokkjali.
·         Restawr tad-Dockyard Gate bħala parti minn xogħol ta’ tisbiħ fiż-żona.
·         Sar xogħol estensiv ta’ upgrading fil-Club tar-Regatta
·         Saru interventi ta’ upgrading fi Triq l-Oratorju, Triq l-Irlandiżi, u Triq Rikkardu Taylor
·         Għaddej xogħol ta’ pavimentar fi Triq Santa Liena
·         Qed isir restawr tal-injam tal-kjostru fil-Knisja Parrokkjali
·         Jinsab fi stadju avvanzat ix-xogħol ta’ upgrading tal-Girl Guides ta’ Bormla
 
Birgu
 
·         Triq San Lawrenz (inbniet mill-ġdid u llum hi żona pavimentata)
·         Saru xogħlijiet ta’ upgrading fiċ-Ċentru AĊĊESS u fiż-żona tal-madwar
·         F’Xatt ir-Riżq sar xogħol ta’ restawr ħdejn ir-Regatta Club u xogħol ta’ tiswijiet fuq il-ħsarat tal-istatwa u tan-niċċa ta’ San Duminku
·         Tlesta xogħol fuq it-taraġ prinċipali tal-Knisja ta’ San Lawrenz
·         Tlesta restawr fil-kjostru tal-kunvent tal-patrijiet Dumnikani
·         Se jibda restawr fuq il-lanterna u l-koppla tal-Knisja tal-Annunzjata
·         Qed isir xogħol preparatorju biex jibda r-restawr tal-kampnari tal-Knisja ta’ San Lawrenz
·         Se jibda xogħol ta’ upgrading fuq il-club tar-Regatta
·         Beda xogħol preparatorju għar-restawr fuq il-faċċata tal-Każin ta’ San Duminku u xogħlijiet ta’ manutenzjoni fil-ġnub tal-każin
·         Se jibda xogħol ta’ bdil ta’ soqfa fil-bini tal-għaqda tal-armar tal-festa
·         Se jibdew tiswijiet fuq il-moll ta’ Sally Port
·         Sar restawr ta’ statwa tal-ġebel tal-Vitorja fil-Każin tal-Banda ta’ San Lawrenz
·         Beda proġett estensiv fuq il-club tal-boċċi
 
Isla
 
·         Sar xogħol fuq il-pavimentar taz-zuntier ta’ Bażilika Marija Bambina u ngħatat assistenza meta nkixfu skulturi storiċi li kienu nstabu waqt xogħol ta’ manutenzjoni
·         Sar xogħol ta’ restawr fuq l-istatwa tal-Madonna tan-Nofs
·         Tlesta xogħol ta’ tisbiħ matul il-promenade
·         Inbena public convenience ħdejn il-ġnien tal-Gardjola
·         Beda xogħol u jinsab fi stadju avvanzat ta’ restawr fuq il-faċċati tal-Knisja ta’ San Ġiljan
·         Beda xogħol ta’ restawr tas-saqaf tal-Awla Kapitulari (Grand Chapter Hall) u restawr fuq il-koppla ta’ Bażilika Marija Bambina
·         Qed isir xogħol preparatorju għar-restawr tal-koppli tal-Knisja ta’ San Filippu
·         Fi Triq is-Sur qed isiru xogħlijiet preparatorji għar-riġenerazzjoni ta’ din it-triq
·         Se jinbeda xogħol biex tissebbaħ iż-żona tad-dħul tal-Isla
·         Hemm ippjanat ukoll xogħol ta’ restawr fuq il-faċċata tal-Każin tal-Banda Queen’s Own
·         Se tingħata għajnuna lill-club tal-boċċi
·         Se tingħata għajnuna għar-restawr tal-Każin La Vincitrice