Sodisfazzjon għall-approvazzjoni tal-breakwaters f’Marsaxlokk

Reference Number: PR171175, Press Release Issue Date: May 05, 2017
 
Il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura jinnota b’sodisfazzjon li l-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar ilbieraħ approva unanimament l-applikazzjoni dwar il-breakwaters ta’ Marsaxlokk.
 
Fl-aħħar jiem ġiet sottomessa applikazzjoni taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd 2014-2020 biex ikunu jistgħu jiġu ffinanzjati parti mill-ispejjeż relatati ma’ dan il-proġett.
 
Il-proġett qed jitmexxa mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura permezz ta’ Transport Malta u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura, bil-kollaborazzjoni tad-Dipartiment tas-Sajd fi ħdan il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima u mistenni jieħu madwar sentejn biex jitlesta mid-data ta’ meta jibdew ix-xogħlijiet.
 
Il-ħidma neċessarja biex ikun jista’ jitwettaq dan il-proġett kienet waħda estensiva li nkludiet għadd ta’ studji, fosthom biex jiġi ddeterminat l-effett tal-breakwaters bil-preżenza tal-istrutturi l-oħra fil-port.
 
L-istudji matematiċi wrew li jekk il-breakwater ta’ Delimara jitwal għal 250 metru, jiżdied l-impatt tal-mewġ f'partijiet oħra tal-bajja.  L-istudji ambjentali ukoll ma kinux favorevoli li dan il-breakwater jitwal.
 
Għaldaqstant l-intervent wara l-approvazzjoni tal-bieraħ mill-Bord tal-Awtorità se jikkonsisti minn bini ta’ breakwater arm in-naħa tal-Ponta tal-Qrejten – b’tul ta’ madwar 110 metru u tiswija, kif ukoll żieda fl-għoli, tal-breakwater eżistenti n-naħa ta’ Delimara, b’tul ta’ madwar 150 metru.