Imħabbar ċentru għall-anzjanità attiva ġdid fil-Kalkara

Reference Number: PR170915, Press Release Issue Date: Apr 10, 2017
 
Illum ġie mħabbar ftehim bejn tliet entitajiet differenti biex jinfetaħ ċentru ta’ anzjanità attiva ġdid fil-Kalkara. Dan iċ-ċentru se jkun parti integrali oħra mit-twettiq tal-istrateġija tal-anzjanità attiva u jsegwi sensiela ta’ proġetti infrastrutturali mis-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva.
 

 
 
Għal din l-attività kien hemm preżenti l-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana, kif ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando. 
 
Il-Ministru Joe Mizzi qal li l-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura se jkun involut fir-restawr u fit-tlestija ta’ dawn il-faċilitajiet biex b’hekk il-Gvern ikun qed jagħti xi ħaġa lura lill-komunità li tant ikkollaborat waqt li kien qed isir il-proġett tal-Esplora.
 
Huwa fakkar li dan il-post, li fil-passat kien iservi ta’ sptar u ngħalaq fis-snin sebgħin, dan l-aħħar kien qed jintuża bħala maħżen, iżda wara kollaborazzjoni mal-MCST u mas-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, ġie identifikat il-pjan terran tal-‘Auxiliary Building’ fiċ-Ċentru Esplora f’Bighi, Kalkara.
 
Fil-fatt, diġà sar tindif tal-post u l-binjali maż-żmien sofriet ħsarat strutturali—u qed jiġu msaħħa l-pedamenti. Fil-fatt din hija binja li offriet sfidi kbar f’dak li huwa restawr.
 
Il-Ministru qal li l-ħitan u s-saqaf se jiġu restawrati fuq il-ġebla tal-franka. Il-post se jinkludi wkoll terrazzin bil-veduti tal-baħar li jikkumplimenta l-entratura biex l-anzjani jħossu dik ir-rabta li dejjem kellhom mal-baħar, anke peress li ħafna minnhom fil-passat kienu jaħdmu f’Bighi stess.
 
 
 
 
Il-Ministru qal li d-dipartimenti tal-ministeru se jkunu qed joffru s-servizzi tagħhom anke biex isir titjib fl-infrastruttura fin-naħa tal-bajja tar-Rinella u ta’ Bighi.   
 
Minn naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana semmiet kif dan iċ-ċentru l-ġdid ser ikun parti oħra mill-katina ta’ ċentri ta’ anzjanità attiva b’attivitajiet ta’ matul il-jum varji li jżommu lill-anzjani attivi fil-komunità tagħhom stess. Hija qalet ukoll li permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, ir-residenti tal-Kalkara ser ikunu qed igawdu minn dan il-proġett infrastrutturali kif ukoll mill-ftehim tal-Esplora li sar iktar kmieni din is-sena u li minnu se jibbenefikaw l-anzjani Maltin u Għawdxin. Is-servizzi offruti ser ikunu skont l-esiġenzi tal-parteċipanti u għalhekk il-benefiċjarji ta’ dan il-proġett ser ikunu fiċ-ċentru ta’ din il-ħidma kollha. 
 
Is-Segretarju Parlamentari Caruana saħqet fuq din il-kollaborazzjoni bejn tliet entitajiet u qalet li, permezz tagħha, il-Gvern qed ikompli jimmassimizza l-użu tar-riżorsi filwaqt li fl-istess ħin se jgawdu l-anzjani. Is-Segretarju Parlamentari Caruana fakkret li l-istrateġija tal-anzjanità attiva m’għadiex biss fuq il-karta iżda qed tiġi implimentata, u n-nies qed tħoss l-effett dirett tagħha. 
 
Justyne Caruana qalet li bħalissa l-bini jinsab fi stat ta’ kostruzzjoni u rinovar, però fi żmien ftit ġimgħat se jitlesta u b’hekk ikun wasal il-mument li jibda jitwettaq xogħol min-naħa tas-Segretarjat u d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva.
 
Is-Segretarju Parlamentari rringrazzjat lill-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura Joe Mizzi, kif ukoll lil Jeffrey Pullicino Orlando mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija għall-kollaborazzjoni tagħhom fdan il-proġett.  Hija qalet li proġetti bħal dawn li qed isiru bkollaborazzjoni bejn entitajiet differenti huma sinjal ċar takemm il-Gvern qed jaħdem għall-ġid tal-poplu u kif il-Gvern jibqa’ impenjat biex ikompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani u tal-familji tagħhom, anke fil-komunità.
 
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando qal li dan il-proġett partikolari li mbarkaw fuqu bħala MCST kien importanti u jkompli jżid mal-iżvilupp li qed isir kemm mill-MCST kif ukoll mill-Esplora għal-lokalità tal-Kalkara. Huwa qal li nħass il-bżonn li tingħata xi ħaġa lura lill-istess komunità li tilqa’ l-Kunsill kif ukoll iċ-Ċentru interattiv Esplora, u li dan kien il-mument opportun li parti mill-Esplora tingħata lura lill-komunità anzjana tal-lokal.   
 
Huwa qal li ġiet identifikata l-parti ta’ taħt tal-Esplora, li għalkemm kellha diversi elementi infrastrutturali li jxekklu l-proċess ta’ restawr kif ukoll bini mill-ġdid ta’ partijiet mill-parti t’isfel tal-proġett, ix-xogħol miexi ġmielu u jidher li fi ftit ġimgħat se jibda r-restawr fuq il-post. 

Pullicino Orlando għalaq billi qal li dan il-post huwa post xieraq li jingħata lura għal dawk l-anzjani tal-lokalità tal-Kalkara li ser ikomplu jgawdu mis-sbuħija pittoreska tal-lokal tagħhom.