Aktar flus fil-bwiet tan-nies

Reference Number: PR170892, Press Release Issue Date: Apr 07, 2017
 
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi ħabbar li din is-is-sena il-Gvern alloka lil Transport Malta s-somma ta’ €4.8 miljun biex jingħataw lil dawk li ħallsu taxxa żejda fuq reġistrazzjoni ta’ vetturi li nxtraw matul is-sena 2006.
 

 
Il-Ministru qal li sena wara oħra, il-Gvern qed ikompli jagħmel ġustizzja sakemm dawn il-flus “misruqa” lill-poplu, jitħallsu kollha. “Għar-raba’ sena konsekuttiva, qed inpoġġu aktar flus fil-bwiet tan-nies,” żied jgħid il-Ministru waqt konferenza tal-aħbarijiet.
 
Jekk wieħed jgħodd l-ammont li l-Gvern se jalloka din is-sena flimkien ma’ dawk li diġà ngħataw mis-sena 2014, b’kollox sa issa se jkunu ngħataw €14.5 miljuni fil-bwiet taċ-ċittadini. Huwa stmat li fl-iskema ta’ flus allokati għal din is-sena, se jibbenefikaw madwar 6,827 persuna jew vettura.
 
 
 
Il-Ministru fakkar li għall-Oppożizzjoni, li kienet fil-Gvern dak iż-żmien, dan kien se jwassal biex jiżdied id-defiċit u d-dejn, filwaqt li kienet allegat li dan il-pass huwa wieħed immorali u sar biex jintrebħu l-voti qabel l-elezzjoni. Mhux biss dan ma seħħx iżda llum, pajjiżna għall-ewwel darba qed jtkellem fuq il-kelma surplus. Filwaqt li l-Gvern baqa’ jagħti kull sena dawn il-flus lil min ħaqqu, irnexxielu jdaħħal iktar milli qed jonfoq.
 
Fil-ġranet li ġejjin, Transport Malta se tkun qed tibgħat ittri lil applikanti li huma eleġibbli. Sal-aħħar ta’ Mejju, huwa ppjanat li jkunu tħallsu l-persuni kollha li ħallsu taxxa żejda fis-sena 2006.
 
Il-Ministru fakkar li din l-iskema bdiet fl-2014, fejn kien ingħata ħlas żgħir lil kulħadd kif ukoll ħlas sħiħ lil min kellu ammont żgħir. Dik is-sena bbenefikaw 29,000 persuna jew vettura. Is-sena ta’ wara, fl-2015, ingħataw €2.3 miljuni, li minnhom ibbenefikaw 3,336 persuna jew vettura, waqt li s-sena li għaddiet, ingħataw €4.1 miljuni, li minnhom ibbenefikaw 6,196 persuna jew vettura.
 
Il-Ministru, akkumpanjat miċ-Chairman ta’ Transport Malta James Piscopo, qal li din mhux se tkun l-aħħar darba iżda l-Gvern huwa kommess li jagħti l-flus kollha sakemm issir ġustizzja ma’ kulħadd.