Proġetti b’eżempju ħaj tal-viżjoni tal-Gvern għar-riġenerazzjoni ta’ lokalitajiet

Reference Number: PR170872, Press Release Issue Date: Apr 06, 2017
 
“Il-proġetti li għaddejjin bħalissa fil-pajjiż huma eżempju ħaj tal-viżjoni tal-Gvern għar-riġenerazzjoni ta’ lokalitajiet f’pajjiżna. Il-Gvern qed ikompli bl-impenn tiegħu li jidentifika postijiet b’potenzjal li jistgħu jiġu riabilitati u żviluppati bħala attrazzjonijiet għall-użu pubbliku kif ukoll ikompli proġetti ta’ riabilitazzjoni u restawr ta’ monumenti nazzjonali u ġojjelli arkitettoniċi li pajjiżna huwa mogħni bihom.”
 
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi qal dan fi tmiem konferenza li l-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir organizzat għall-ewwel darba kemm ilha mwaqqfa, konferenza li trattat ir-riġenerazzjoni ta’ postijiet madwar Malta b’attenzjoni speċjali lejn il-kuntest soċjali, ekonomiku u ambjentali.
 


 
 
Il-Ministru Joe Mizzi qal li l-viżjoni tal-Gvern hija ċara. “Irridu nidentifikaw aktar proġetti bħal dawn li permezz tagħhom intejbu l-kwalità tal-ħajja kemm tar-residenti kif ukoll tal-viżitaturi, iżda fuq kollox nagħtu spinta lill-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna.” Huwa fakkar li l-GHRC, fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, ikkoordinat diversi proġetti kbar f’pajjiżna, fosthom il-bini tal-Parlament il-ġdid, ir-riabilitazzjoni ta’ Forti Sant Iermu, u Pjazza Kastilja, u bħalissa qed tissorvelja l-proġett ta’ Pjazza Tritoni.
 
Huwa qal ukoll li l-Ministeru, flimkien mal-GHRC u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, qed ifassal pjan ta’ riġenerazzjoni għal Birżebbuġa, proċess li tħabbar fid-diskors tal-budget għal din is-sena, li l-punt tat-tluq tiegħu se tkun konsultazzjoni mar-residenti li dejjem ħassewhom minsijin minn proġetti ta’ riabilitazzjoni.
 
Il-Ministru Joe Mizzi fakkar li wieħed mill-aktar eżempji ċari ta’ riġenerazzjoni ta’ żoni partikolari kien il-proġett tal-Baċir Numru Wieħed f’Bormla, li tlesta fl-ewwel ftit xhur ta’ din il-leġiżlatura. Fakkar kif sa ftit tas-snin ilu, il-Kottonera u s-subborg tagħha kienu żoni li ħafna nies lanqas biss kienu jafu jaslu sa hemm.
 
Il-proġett tal-Baċir illum jinkludi aċċess kontinwu bejn ix-xatt tal-Birgu li jibqa’ sejjer sal-Isla u jgħaddi minn Bormla. Illum il-pubbliku jista’ jgawdi minn promenade mill-isbaħ u għalkemm għad baqa’ xogħol xi jsir, l-element kummerċjali qed ikompli jagħti l-ħajja lil din iż-żona turistika. Illum, dan il-proġett qed jattira attivitajiet u investimenti ġodda, qed iħalli effett ekonomiku pożittiv fuq iż-żona kollha, inkluż il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u ż-żieda fin-numru ta’ viżitaturi.
 
Fil-fatt, żied jgħid il-Ministru, dan il-proġett rabat miegħu ir-riġenerazzjoni tal-Kottonera kollha, għax is-suċċess tal-proġett ma tiddependix biss fuq l-iżvilupp u t-titjib ta’ dawn l-inħawi iżda fuq it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-poplu tal-Kottonera.
 
Fil-konferenza tkellem ukoll iċ-Chairman tal-GHRC Stefan Zrinzo Azzopardi li wkoll fakkar li maż-żmien, bħala pajjiż, għarafna l-potenzjal ta’ diversi żoni, b’mod partikolari r-reġjun tal-Port il-Kbir, minn fejn bdew jittieħdu inizjattivi bl-għan li jitħares il-patrimonju nazzjonali daqstant rikk f’dan ir-reġjun.
 
 
 
Huwa qal li proċess sħiħ ta’ riġenerazzjoni jrid jibda billi jkunu mifhuma l-ħtiġijiet tal-komunità, il-ħtiġijiet tal-komunità kummerċjali, billi tkun ċara l-viżjoni ta’ fejn għandha twassal ir-riġenerazzjoni, billi jitqiesu l-aspetti ambjentali, u l-impatt li jwassal l-iżvilupp u l-effett tar-riġenerazzjoni.
 
Huwa  semma l-proġett ta’ restawr tal-parti ta’ fuq ta’ Sant’ Iermu li serviet biex binja inaċċessibbli għall-pubbliku llum tista’ titgawda u saret attrazzjoni mill-isbaħ fin-naħa t’isfel tal-Belt Valletta. Semma wkoll l-investiment li qiegħed isir fil-British Building li hemm fil-Baċir Numru Wieħed, kif ukoll il-proġett ta’ wesgħa mill-isbaħ fil-qalba tal-Kottonera.
 
Zrinzo Azzopardi semma l-pjan ta’ riġenerazzjoni ta’ Birżebbuġa, li hija maħsuba li tkun waħda ppjanata fuq l-aspetti kollha relattivi, kemm mil-lat infrastrutturali, soċjali u ambjentali. “Huwa proċess li qiegħed jinkorpora b’mod sħiħ konsultazzjoni u ħidma mill-qrib ma’ dawk kollha interessati fil-lokal, biex kulħadd ikollu l-opportunità li jkun parteċipi f’riġenerazzjoni li ssebbaħ lil dan il-lokal, li toffri servizzi pubbliċi ġodda lil dan il-lokal, li twieġeb għall-impatti negattivi, u li fuq kollox ikun il-bażi għal aktar investiment mis-settur privat,” temm jgħid.