Tindif estensiv wara l-ġranet tal-Karnival

Reference Number: PR170505, Press Release Issue Date: Mar 01, 2017
 

Ħaddiema mid-Direttorat tat-Tindif fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura kienu involuti f’ħidma ta’ tindif estensiv. Dan sar fil-lokalitajiet tal-Belt Valletta u l-Furjana, fejn kienu kkonċentrati ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival.



It-tindif ilu għaddej min-nhar il-Ġimgħa, u sar l-aktar matul il-lejl.

Matul il-lejl li għadda, hekk kif ġew fi tmiemhom iċ-ċelebrazzjonijiet fi Triq Sant’ Anna, għall-ħabta tal-ħdax u kwart ta’ filgħaxija, madwar ħamsa u għoxrin ħaddiem kienu nvoluti fit-tindif ta’ din it-triq u t-toroq tal-madwar. Għall-ewwel darba, it-toroq inħaslu bl-użu ta’ bowsers, u Triq Sant’ Anna reġgħet infetħet għat-traffiku wara madwar sagħtejn biss.

Fil-Belt Valletta, sar il-ħasil tat-toroq kollha minn fejn għadda l-Karnival, b’mod partikolari fi Pjazza San Ġorġ. Din is-sena, il-pubbliku kellu mitt kontenitur tal-iskart iżjed mis-sena li għaddiet fejn jiddispondi l-iskart tiegħu, li bejniethom jammontaw għal 12,000 litru.

Matul dawn l-attivitajiet, ġie ġġenerat madwar għoxrin tunnellata ta skart, li madwar ħdax minnhom inġabru biss il-lejl li għadda, li kien l-aħħar lejl tal-Karnival.

Għall-ewwel darba, din is-sena ser ssir analiżi ta dak li ġara fejn jirrigwarda skart, partikolarment biex għal darb’ oħra, ikun hemm kordinament aħjar dwar il-ħinjiet li fihom għandhom jiżżarmaw il-kiosks, sitwazzjoni li qed tirriżulta kull darba li jsiru attivitajiet bħal dawn.

 

Ritrat​ti: MTI