L-International Dockworkers Council tagħżel lil Malta għall-workshop tagħhom

Reference Number: PR170222, Press Release Issue Date: Jan 31, 2017
 
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi dalgħodu ltaqa’ mal-membri ta’ The International Dockworkers Council (IDC), li flimkien mal-Malta Dockers Union għażlu lil Malta għall-workshop tagħhom, flimkien ma’ rappreżentanti minn unions u pajjiżi oħrajn barranin, primarjament minn Spanja, il-Greċja, il-Belġju, is-Slovenja, id-Danimarka, u aktar.

Flimkien ma’ dawn ir-rappreżentanti, il-koordinatur internazzjonali Jordi Aragunde, kif ukoll il-President tal-Malta Dockers Union, l-Inġinier Ryan Fava u l-membri, il-Ministru Mizzi ddiskuta s-sitwazzjoni tal-globalizzazzjoni tal-ekonomija kurrenti, li qiegħda twassal għal swieq globali u flessibilità akbar fil-qasam tar-riżorsi umani.

“Nifhem li l-għan tal-kumpaniji globali li jaslu għal marġini akbar ta’ profitti fl-operat jista’ jwassal għal deregolamentazzjoni fl-industrija tal-port, li taffettwa kontinwament id-drittijiet tax-xogħol li ggwadanjaw tul is-snin. 

“Il-portijiet u l-ħaddiema tax-xatt fid-dinja kollha, jistgħu jaffaċċjaw serje ta’ problemi komuni. Dawn jinkludu nuqqas ta’ xogħol, nuqqas fil-kwalità tas-servizz, żieda fir-riskji ta’ aċċidenti, nuqqas ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u aktar. 

“Huwa tajjeb li taħdmu flimkien fuq il-missjoni tagħkom li tieħdu ħsieb u ttejbu l-ħajja soċjali u ekonomika tal-ħaddiema tax-xatt madwar id-dinja,” qal il-Ministru Mizzi.

Filwaqt li rringrazzja lill-membri tal-International Dockworkers Council li għażlu Malta għall-workshop tagħhom, tahom ukoll l-opportunità li jsemmgħu leħinhom u jwasslu l-proposti tagħhom, billi stedinhom għal-Laqgħa tal-Istakeholders dwar is-Sigurtà fit-Toroq u l-Marittimu, li se tittella’ nhar it-28 ta’ Marzu f’Malta.


Il-Malta Dockers Union twaqqfet uffiċċjalment fil-5 ta’ Settembru tal-2006, u hija ffurmata minn madwar 460 membru- ħaddiema tax-xatt. Union li tiġbor fiha l-ħaddiema kollha li jaqilgħu l-għajxien tagħhom mill-portijiet ta’ Malta u Għawdex, hu liema hu x-xogħol tagħhom. L-għan ewlieni tal-MDU huwa li tirregola r-relazzjonijiet bejn il-ħaddiema u l-prinċipali, u li tħares l-impjieg u l-interessi tal-membri tagħha.

The International Dockworkers Council (IDC) hija assoċjazzjoni internazzjonali  ffurmata minn 92 organizzazzjonijiet minn 41 pajjiż, b’aktar minn 100,000 membri affiljati. Assoċjazzjoni li twaqqfet fis-27 ta’ Ġunju tas-sena 2000, f’Santa Cruz de Tenerife (Canary Islands), Spanja. 

Din hija l-unika organizzazzjoni kapaċi tlaqqa’ flimkien il-gruppi differenti ta’ ħaddiema tax-xatt u l-unions b’vuċi waħda fuq skala internazzjonali. Issa, għall-ewwel darba, il-ħaddiema tax-xatt għandhom l-organizzazzjoni tagħhom, li tifhem il-ħsibijiet u t-talbiet tagħhom u tista’ ssemmagħhom f’laqgħat internazzjonali fejn jittieħdu deċiżjonijiet importanti.

 
 
Ritratti: MTI