40% tal-proġett tal-Kappara jinsab lest

Reference Number: PR170072, Press Release Issue Date: Jan 13, 2017
 
 
  

Waqt żjara fuq il-proġett tal-junction tal-Kappara, akkumpanjat mill-koordinatur tat-Ten-T Scandinavian-Mediterranen Network Pat Cox, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi qal li s’issa tlesta kważi 40 fil-mija tal-proġett.
 
Pat Cox, li għal xi snin kien anke President  tal-Parlament Ewropew, qal li Malta kisbet riżultati pożittivi ħafna dwar il-mod ta’ kif qed taħdem fuq proġetti infrastrutturali. Huwa qal li Malta qiegħda f’pożizzjoni tajba biex tattira lejha aktar proġetti ta’ dan it-tip u dan minħabba l-kwalitá ta’ ippjanar, maturitá fis-sens ta’ sistemi li jintużaw, dati u budgets li jinżammu. Cox faħħar lill-Ministru Mizzi u lil Transport Malta għall-viżjoni li qiegħda tadotta fi proġetti ta’ dan il-kalibru.
 
 
 
 Il-Ministru Joe Mizzi fakkar li Malta kienet l-ewwel pajjiż li Pat Cox żar wara l-ħatra tiegħu bħala koordinatur Ewropew fl-2014. Huwa qal li minn dakinhar sar ħafna xogħol, fosthom is-sottomissjoni u sussegwentament, l-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea, tal-proġett tal-junction tal-Marsa, proġett ta’ 45 miljun ewro li jifforma parti mill-kuridur Skandinavu-Mediterranju u li se jiġi ffinanzjat taħt il-Faċilità ‘Connecting Europe’.
 
Joe Mizzi qal li l-iskop ewlieni tal-proġett tal-Kappara, huwa li titnaqqas il-konġestjoni ta’ traffiku f’dan l-inħawi, li titnaqqas l-inċidenza ta’ inċidenti ta’ traffiku permezz ta’ infrastruttura aħjar u aċċessibilità aħjar bejn il-Kappara u l-Gżira. Huwa stmat li mill-inħawi jgħaddu mad-90,000 vettura kuljum.
 
 
 
Barra minn hekk, se tiġi indirizzata wkoll il-problema ta’ storbju minn vetturi u dan permezz tal-introduzzjoni ta’ sound barriers, li se jkunu introdotti għall-ewwel darba f’Malta grazzi għal dan il-proġett.
  
Il-Ministru fakkar li dan il-proġett beda f’Mejju li għadda, u mistenni jkun lest sal-aħħar ta’ din is-sena. Permezz tal-proġett, diversi servizzi antiki se jkunu qed jinbidlu b’oħrajn ġodda u l-fażi li jmiss se tara l-bdil ta’ servizzi (utilities) in-naħa tal-Gżira.
  
Il-Ministru qal li waħda mill-akbar sfidi ta’ dan il-proġett kien l-immaniġġjar ta’ traffiku f’dawn l-inħawi traffikużi u s-servizz tat-trasport pubbliku iżda Transport Malta ippjanat b’reqqa u b’mod estensiv dan il-proġett u t-traffiku baqa’ għaddej b’mod normali anke fl-aktar ħinijiet bieżla tal-ġurnata, grazzi għal koordinazzjoni sħiħa mal-Kunsilli Lokali u rappreżentati ta’ entitajiet kummerċjali.
  
Il-fatt li parti minn din l-arterja ngħalqet tat l-opportunità biex isiru ċertu spezzjonijiet u fil-fatt, matulhom, ġie nnotat difetti strutturali fil-pont ta’ Wied Għollieqa. Għaldaqstant, Transport Malta se tkun qed tagħmel xogħol fuq dan il-pont u fil-mina tal-Università ta’ Malta, xogħlijiet li ma kinux maħsuba fil-proġett. Matul ix-xhur li għaddew, saru disinji ġodda ta’ dawn l-istrutturi u ġew iddisinjati żewġ underpasses li se jservu biex ikunu jistgħu jaqsmu n-nies minnhom. Dawn se jkunu aċċessibli għal kulħadd u mgħammra b’CCTV’s cameras fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata.
  
Il-Ministru Mizzi qal li dan huwa impenn ieħor tal-Gvern fil-qafas tal-Pjan Nazzjonali tat-Trasport. Ix-xogħlijiet f’Wied Għollieqa jinsabu fi stadju avvanzat iżda minkejja dawn ix-xogħlijiet addizjonali, il-proġett tal-Kappara għadu on track.