L-ewwel tliet fażijiet tal-proġett tat-Tritoni jinsabu lesti. Il-pubbliku msejjaħ biex ikun parti mill-proġett

Reference Number: PR 170969, Press Release Issue Date: Apr 17, 2017
 
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT U L-INFRASTRUTTURA
 
L-ewwel tliet fażijiet tal-proġett tat-Tritoni jinsabu lesti. Il-pubbliku msejjaħ biex ikun parti mill-proġett
 
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi qal li l-ewwel tliet fażijiet tax-xogħol fuq il-proġett tat-Tritoni, li jinkludi wkoll ir-restawr tal-figuri tal-bronż tal-funtana, jinsabu lesti. Tul dawn il-fażijiet saru xogħlijiet fi Triq l-Assedju l-Kbir, fejn saret ir-roundabout għal immaniġġjar aħjar tat-traffiku, fi Triq Re Dwardu u l-Biskuttin u fi Triq Nelson. Inħoloq ukoll post alternattiv fejn jieqfu l-karozzi tal-linja u saru spazji ta' parkeġġ ġodda. Dan kollu diġà qed jagħti dehra differenti lil din il-pjazza.
 
 
Wara li fil-bidu ta' din is-sena tneħħew il-parti l-kbira tal-kiosks, bdiet fażi oħra fejn qed isir xogħol ta' tqegħid ta' servizzi ġodda. Fin-naħa ta' fejn qabel kien hemm il-public toilets, fil-jiem li għaddew beda t-tħaffir biex tinbena pump room ġdida għall-funtana ikbar milli kien hemm qabel. Il-bini tal-pump room u tal-mina taħt l-art li tibqa' sejra sa taħt il-funtana mistenni jkun lest sal-ewwel ġimgħa ta' Mejju.
 
Dwar il-funtana ta' Tritoni, il-Ministru qal li l-figuri u l-plattin tal-bronż inqalgħu minn posthom u ttieħdu f'funderija f'Firenze, l-Italja, biex ikunu restawrati. Wara li dawn tnaddfu instab li hemm ħafna aktar ħsarat fuqhom milli kien jidher qabel, għaldaqstant, ix-xogħol ta' restawr se jdum ftit aktar milli kien mistenni imma xorta se jkun lest sa l-aħħar ta' din is-sena. Il-ħsara li hemm fuq il-figuri mistennija tkun msewwija sa l-aħħar ta' Mejju.
 
Fuq nota pożittiva l-Ministru ħabbar li wara li kien eżaminat fil-funderija, il-plattin tal-bronż instab li ħafna minnu seta' jitranġa u jerġa' lura għal profil oriġinali. Għaldaqstant, ix-xogħol fuqu beda u fil-ġranet li ġejjin se jittieħed ġo fabbrika Vicenza, l-Italja, sabiex il-forma tiegħu tirfina aktar. Huwa qal ukoll li ħafna mix-xogħol ta' tindif tat-travertin huwa lest ukoll.
 
Il-Ministru fakkar li waqt dawn ix-xogħlijiet insabu ħitan antiki li kienu mirduma, u bl-involviment tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, kienu deċiżi l-aħjar soluzzjonijiet ta' preservazzjoni. Dawn il-ħitan fil-fatt se jiġu rrestawrati u partijiet minnhom se jitħallew mikxufa biex jitgawdew mill-pubbliku.
 
 
 
 
F'dak li huwa xogħol fuq il-Foss, bħalissa qed jinbena substructure fit-trejqa li se tħalli aċċess għaż-żona ta' Lascaris War Rooms. Qiegħed isir ukoll xogħol fuq l-infrastruttura eżistenti fejn qegħdin jiġu rilokati xi manholes u oħrajn qed ikunu mibnija mill-ġdid. Sadanittant, għaddejjin ukoll diskussjonijiet mal-Valletta Football Nursery, id-Direttorat tar-Restawr u d-Direttorat tat-Tindif sabiex jinħoloq aċċess mill-parkeġġ ta’ taħt il-ġnien ta’ Hastings għaż-żona tas-Salinos.
 
 
Sejħa pubblika
 
 
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaliha attenda wkoll iċ-Chairman tal-GHRC Stefan Zrinzo Azzopardi, li hija l-entità li qed tikkordina dan il-proġett, tkellem ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Christopher Cutajar, li ħabbar inizjattiva li se tagħmel lill-pubbliku parti minn dan il-proġett. Huwa qal li l-Ministeru qed jagħmel sejħa pubblika lil min għandu xi ritratti kemm antiki u kemm riċenti tal-Funtana tat-Tritoni sabiex jgħaddi kopja tagħhom lill-Ministeru.
 
Dan qiegħed isir bl-iskop li r-ritratti jintużaw f’pubblikazzjonijiet, wirjiet jew avvenimenti marbutin mal-proġett. Ir-ritratti jistgħu jkunu kemm tal-funtana nnifisha, ta’ persuni li jidhru magħha, inkella tal-wesgħa kif kienet qabel l-1959.
 
 
Wieħed jista’ jmur il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Blokka A, Triq Francesco Buonamici, il-Furjana, fid-29 u t-30 ta’ Mejju 2017, bejn id-9am u 12pm u bejn is-2pm u l-4pm u jħalli kopja tar-ritratti permezz tal-faċilitajiet li se jkunu offruti mill-Ministeru stess.
 
Ir-ritratti ser jintlaqgħu wkoll b’dawn il-metodi sal- Ġimgħa 30 ta’ Ġunju 2017:
 
  • Bil-posta tradizzjonali fl-indirizz: TRITONI, Kaxxa Postali 1026, Triq Nofsinhar, Il-Belt Valletta;
  • Bil-posta elettronika fl-indirizz: tritoni@gov.mt (id-daqs tal-ittra elettronika m’għndux ikun akbar minn 20Mb);
  • Mill-formola elettronika li tinsab fuq is-sit tritoni.gov.mt (id-daqs massimu tar-ritratti f’daqqa ma jistax jaqbeż20Mb)